Showing posts with label Turizmu. Show all posts
Showing posts with label Turizmu. Show all posts

Tuesday, 29 July 2008

It-Turisti...żibel...armihom...aħraqhom...keċċihom

Aleander Balzan huwa ġurnalist ieħor li nħoss li qed jipprometti ħafna f'dak li hu ġurnaliżmu investigattiv. Barra minnhekk, mill-mod kif jikteb jidher li għandu għal qalbu dak li fil-kotba jissejjah 'il-patrimonju Malti'.

Aleander huwa ġurnalist ma' Il-Kulħadd, u l-Ħadd li għadda kiteb rakkont interessanti li semmih "Teżor arkeoloġiku jinbidel f'miżbla". Nissuġġerilkom taqraw dan ir-rapport ta' Aleander billi tagħfas HAWN u tifmhu 'l ghaliex qed insemmi din l-entry fil-blog bit-titlu ta' 'It-Turisti...żibel eċċetra, eċċetra.


Irrid nirringrazzja lill-kunsillier ta' l-AD f' Ta' Sannat John Mizzi li għogbu jmur jieħu r-ritratti fl-inhawi Ta' Lambert fix-Xewjika, sewwa sew fuq ix-xaqliba l-oħra ta' Ta' Cenc - propju fejn hemm il-heliport u fejn xi tnejn tal-qalba qed ighidu li t-turiżmu f'Għawdex għandu bzonn l-airstip sabiex ikampa....ara l-blog tal-gozoairstrip hawnhekk.



Din id-darba John Mizzi ma ġiex arrestat talli mar jieħu dawn ir-ritratti f'dan il-post tal-biki. Tiftakar meta il-pulizija tar-renju t'Ghawdex ħassru r-ritratti kollha ta' John meta dan mar ħa r-ritratti f'Wied l-Infern waqt li tal-MEPA ġew inaddfu l-ħniżrijiet li għamel is-sindku taż-Żebbug? Jekk insejt, tista' taqra HAWN.



Imma tiġix tgħidli li int u tara dawn ir-ritratti ma tħossx rabja ġo fik tafx!


L-aktar meta is-Supretendent tal-Wirt Kulturali għadu kemm ippubblika r-rapport annawli tiegħu u appella lill-MEPA sabiex l-inħawi kollha f'Ta' Ċenċ ikunu protetti (skedati).

Mhux biss, iżda f'dan ir-rapport tiegħu, is-Supretendent saħaq li x-xaqliba l-oħra ta' Mġarr ix-Xini, cioe' in-naha tal-heliport magħrufa bħala Ta' Lambert, fadal siti arkeoloġici li għadhom
mhux tant maghrufa u ghaldaqstant jenħtiegu wkoll protezzjoni.

Propju dawn ir-ritratti li qed tara sieħeb!

Imma jekk tifli sew dawn ir-ritratti tibda tikkonferma li dan id-diskors bħal ħafna appelli oħra minn diversi sorsi, l-Awtoritajiet ta' Għawdex donnhom qed jipprteġu lil min imur u jeqred dawn l-inħawi fid-dawl tax-xemx.

U dan minkejja li l-gvern ta' maġġoranza relattiva (mhux aktar assoluta) jgħid (qabel l-elezzjoni) li ser jadotta l-vizjoni ta' l-Alternattiva Demokratika biex jibdel lil Għawdex fi gżira eku-loġika.


U allura kif ikkummentajt fir-rapport tal-gurnalist żgħażugħ Aleander, naħseb li għandi raġun ngħid li "jew il-Prim Ministru ma kienx jaf x'qiegħed jikkopja jew inkella tassew li l-pilastru ambjentali tmermer".

Meta tara dawn ir-ritratti tassew jaqbdek il-biki. Trid tkun bla skola kif igħidu, jew ala bieb il-ħanżira biex ma tgħidx x'arukaża!

Meta ser tifhem il-Ministru t'Għawdex illi l-ħarsien tal-kampanja u s-siti pre-istoriċi huma ta' valur enormi u jgħin fl-izvilupp ta' niċċa oħra ta' turiżmu li Ghawdex tant jista' jibbenefika minnha?

Possibbli għadha ma semgħetx li f'Għawdex jiġu wkoll turisti minħabba is-sbuħija naturali tal-gżira?

Biss biss jien naf ħbieb minn Malta li jgħiduli li jħobbu jżuru Għawdex propju minħabba l-kwiet u s-sbuħija naturali tiegħu!

Iltqajt ma' turisti li jżuru Għawdex propju minħabba r-rikkezzi fl-istorja tiegħu.

Naf ukoll nies li ġew Għawdex (u ħallew il-flus) propju 'l għaliex iħobbu jimxu fil-kampanja tagħna u jgawdu l-flora u l-fawna li huma biss jafu jsebbħu wiċċ gżiritna kif riedha Alla l-Imbierek.








Imma araw daqsejn dan ir-ritratt bil-kurċifiss fil-miżbla f'Ta' Lambert!





Min segwina qabel l-elezzjoni jiftakar li ħriġna manifest elettorali specifikament għal Għawdex u fost tant proposti oħra għamilna proposti ta' zviluppi ta' niċeċ ta' turiżmu differenti. (Ara HAWN). Semmjna fost l-ohrajn il-ħtieġa li jiġi żviluppat dak li jissejjaħ Turiżmu Reliġjuż. Jidher li anke hawnhekk infthemna ħażin ghax dan il-povru kurcifiss spiċċa twaħħal ftit ġimgħat ilu f'din il-miżbla Ta' Lambert, propju qrib il-bore hole tal-gvern. Tgħid dan ukoll parti mill-eku t'Ghawdex?




Kif qal sieħbi John Mizzi li għoġbu jieħu dawn ir-ritratti, "xi ħaġa tal-mistħija. Dan il-post irridu niehdu ħsiebu, irid jitnaddaf u meta jsir dan, irid isir taħt l-ispezzjonijiet ta' nies esperti biex ma jkomplux jintilfu strutturi storiċi".




U tiġux tgħiduli li kieku jien parti mill-kunsill lokali tax-Xewkija ħa noqgħod bi kwieti tafux!


Possibli li minn ħames kunsilliera (nazzjonalisti u laburisti) ħadd ma jagħmel plejtu? Kif ma semmietx dan id-diżastru meta is-sindkuwa attendiet il-famuża 'konsultazzjoni' dwar l-eku t'Għawdex fil-Wied tal-Lunzjata? Jien kont hemm u smajt sew x'intqal.



Tridni nibla' dak li jgħidu, jiġifieri "Ma nafux min?" u ejja come on!

Jew din hija kwistjoni li min jaghmel li jrid iwerwer bil-vot lil dawn in-nies li ivvutajtielhom sabiex suppost iħarsu l-lokal tagħhom?

Illallu kieku jien x'nagħmel!

U mhux għalhekk min hu ala bieb il-hanzira jigi jitmejjel mit-turisti? żibel....armihom..aħraqhom. F'kelma oħra....keċċihom.

U allura skużawni tafx, imma kif nista' ma nikritikax lil dik li tissejjah Assoċċjazzjoni tat-Turiżmu t'Għawdex (il-GTA)? Dawk tal-GTA li dritt wara kull budget joħorġu fuq in-NET tv igħidu proset proset proset.

Nemmen li hemm wieħed jew tnejn ġenwini fil-GTA, imma bħal kull organizzazzjoni f'Għawdex li tiġi kkontrollata fis-sistema tal-medju evu jew forsi aktar reċenti...sistema ta' politika fewdali; dawn il-ftit ikollhom jgħalqu ħalqhom.

Mhux jien imma.