Thursday, 18 September 2008

L-Istudenti Universitarji Għawdxin f'Malta

Iltqajna mall-Grupp Studenti Universitarji Għawdxin (ĠUĠ). Kienet waħda mill-aktar laqgħat sinċieri li attendejt dan l-aħħar.

Kienet laqgħa sabiħa iżda fl-istess ħin tnikkit ħafna minn ġewwa. Għidt bejni u bejn ruħi li kwazi ħmistax il-sena wara, l-istudenti Ghawdxin għadhom tista' tgħid qed jiġu trattati ta' żibel bħalma kien fi żmieni. Diffiċli wieħed jifhem it-tbatija jekk ma tkunx ġarrabtha.

Kien sabiħ pero' tisma' l-istudenti Ghawdxin isemmgħu leħinhom. Fi żmieni ma kienx hawn dawn l-opportun
ita'.

Riedu jiltaqgħu ma' Alternattiva Demokratika u nittama li sabu widna li tassew tismagħhom. Minbarra Arnold Cassola gie ukoll rapreżentant ta' Alternattiva Demokratika Żgħazagħ (ADZ), Andre Vella. Mill-Kumitat Reġjonali ta' Għawdex ġie miegħi Michael Bajada mill-Munxar.

Kulħadd għandu jagħraf s-sagrifiċċji ta' l-istudenti Għawdxin li ta' kuljum jaqsmu kmieni lejn Malta sabiex jistudjaw jew iqattgħu l-ġimgħa f'xi flett u jirritornaw biss lejn Għawdex fi tmiem il-ġimgħa. Ħaddiehor, wara l-Universita probabli jmur id-dar u jsib platt sħun. Fil-għodu jsib ħwejjeġ nodfa, u sabiex jilħqu l-ewwel lectures m'ghandux bżonn jaqbad vapuri.

Inħoss li min jirraġuna li l-Ghawdxin jeqirdu, tassew ikun qed juri li ma jifhimx xi jfisser tiela' u nieżel minn Għawdex għal Malta. Żgur ma jifhimx min jaqsam biss lejn Għawdex xi darba fis-sena għal xi btala.

Ma rridx noqgħod impenġi lil Għawdxin bħala xi vittmi. Din l-esperjenza sa minn eta' bikrija tagħmel lill-istudent Għawdxi persuna ndipendenti li kapaċi issaqqaf wiċċha ma' l-intoppi kollha li jirrekjedu ħajja indipendenti bħalma huma l-immaniġjar tal-flus, il-kera' tal-flett, l-ikel, il-ħajja soċjali jew solitari ta' l-Għawdxin f'Malta u t-trasport pubbliku fost oħrajn. L-itess problemi li kont insaqqaf wiċċi magħhom jien snin ilu ħafna.

Izda l-kumitat tal-ĠuĠ jidher determinat li ser jindirizza bis-serjeta' dawn il-problemi. Hemm il-hsieb li jaġġornaw il-websajt tagħhom u minn sempliċement websajt fejn wieħed ifittex flett fejn jikri qrib l-Universita'; il-ħsieb hu l-websajt tkun aġġornata bi stqarrijiet u xogħol li qed jagħmel dan il-kumitat ħabrieki.

Waqt il-laqgħa magħna, il-membri tal-Kumitat tal-ĠUĠ semmew l-isfidi u l-iskoraġġiment li jsibu minn Awtoritajiet waqt l-iskariġġ tagħhom f'Malta speċjalment fejn jidħol it-trasport pubbliku u t-traġitt tal-vapur. Semmew ukoll kif ċertu studenti jiġu trattati minn sidien ta' flettijiet fejn jikru biex joqgħodu matul is-sena universitarja’ u kif ħadd mill-Għawdxin ma tingħatalu l-opportunita li jagħmel użu mir-Residenza ta' l-Istudenti ta' L-Universita', peress li l-Universita' tippreferi tikri bi flejjes akbar lill-studenti barranin milli lil studenti Għawdxin.

Issemma wkoll in-nuqqas ta' informazzjoni diġitali tal-kotba fil-librerija taċ-Ċentru ta' l-Universita' t'Għawdex u l-ħtieġa ta' aktar użu mill-video conferencing li qiegħed jinżamm fic-Ċentru ta' l-Universita' fix-Xewkija. Donnu dan l-apparat inxtara biex jibqa' merfugħ ġo speċi ta' gwardarobba.

Hemm bżonn li l-Awtoritajiet jagħtu aktar widen ta' l-ilmenti ta' l-istudenti Għawdxin.

Jien nemmen li issa wara li dawn l-istudenti ingħaqdu sabiex saret konferenza stampa ma' l-Alternattiva Demokratika, dalwaqt nisimgħu li tal-PN u l-MLP għamlu l-istess. J'alla!

Il-Famuża Awtorita' tat-Trasport Pubbliku hemm bżonn tifhem darba għal dejjem li minħabba t-tnikkir ta' xi sewwieq jew nuqqas ta' vjaġġi mill-Belt, l-Universita' saċ-Ċirkewwa, ħafna drabi studenti jispiċċaw ikollhom jistennew għal sigħat sħaħ fix-Xitwa l-vapur lura lejn Għawdex. Daż-żgur...ma jkunux huma li l-għada fil-għdu jkollhom jerġgħu iqumu kmieni sabiex jilħqu l-vapur lura lejn Malta.

U xi ngħidu għal fatt li sewwieqa tal-karozzi tal-linja ma jħallux lil studenti Għawdxin jitilgħu l-karozza jekk ikollhom aktar minn żewġt basktijiet? Ma jafux li aktarx dawn il-basktijiet ikunu mimlija ħwejjeġ jintnu seba' pesti sabiex l-istudent Għawdxi jeħodhom lura d-dar sabiex jinħaslu?

L-istudenti Ghawdxin illum jagħmlu 10% ta’ l-istudenti fl-Universita’ ta' malta. Kif qal il-kap tal-partit il-Prof. Arnold Cassola waqt din ilk-konferneza stampa, "L-istudenti Għawdxin m'għandhomx bzonn pjaċiri iżda aktar rispett bħala ċittadini li wara kollox il-pajjiż qed jinvesti fihom għall- futur. Żgur li l-istudenti Għawdxin m'għandhomx ikunu trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi."

Awguri mill-qalb lil ĠuĠ.
Zuru is-sit tagħhom fuq http://www.gug.org.mt/


No comments: