Friday, 3 October 2008

Id-Drenaġġ f'Għawdex

L-aħħar li ktibt fil-blogg huwa dwar 'Salty Valley' jew aħjar Wied il-Mielaħ (ara HAWN).

Semmejt l-irwejjaħ tad-drenaġġ li wieħed ixomm waqt li jasal qrib it-Tieqa Naturali ta' Wied il-Mieħal.

Min ma marx f'Wied il-Mielaħ?

Gonzi mar u ħa ritratti sbieħ jiltaqa' mall-press ftit qabel l-elezzjoni tal-Kunsill lokali ta' l-Għarb. (ara ritratt)

Anke lill-Fenech Adami ħaduh hemm. Saħansitra Peppi ta' Xarabank mar hemm jieħu l-filmati bħala eżempju ta' kemm morna tajjeb mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropeja.




Govanna marret kemm-il darba u wkoll jidher li ġibdulha ftit ritratti mhux ħażin.

Ġibdulha ritratt mas-Sindku u ma' l-eċċellenza tagħha Danuta Hubner, Kumississarju ta' l-EU. (araw it-ritratti bit-tieqa ta' Wied il-Mielaħ fil-background).



Iżda l-akbar ċerimonja saret kien meta ġiet f'Wied il-Mielaħ l-Eċċ. Tagħha Danuta Hubner. Jidher li dak inhar kien il-bnazzi u allura drenaġġ inixxi ma kienx hemm fil-Wied. Dak inhar niżlu xi nies mill-Għarb lebsin l-għonnella bħala parti miċ-ċerimonja (li ma tantx aħna neqsin minnhom) taż-żjara tal-Kummissarju Ewropew li qaltilna ma nafx kemm il-elf Euro ser tagħtina sabiex Wied il-Mielaħ jiġi riabilitat (ara r-ritratt). Kien hemm Ġorġ ix-Xemx u anke Peppi l-Munsuħa mar idoqq l-argunett ta' l-idejn. In-nies ta' l-Għarb ittamajna li r-riħa tad-drenaġġ mill-wied għal ġol baħar forsi ser tieqaf darba għal dejjem. Kemm morna żmerċ!




Imma l-isbaħ ritratt huwa tal-Kummissarju Ewropew tipponta jdejha lejn irħama kommemorattiva li għadha mwaħħla fil-post sal-ġurnata tal-lum. Mhux faċli taraha. Imma jekk tħares lejn il-wied u tibda tara d-drenaġġ inixxi fit-triq tal-wied....propju hemmhekk issib l-irħama kommemorattiva ta' l-Eċċellenza tagħha.




Ilni nitkellem ma' nies mir-raħal dwar jekk bħali iddejjaqhomx ir-riħa taqsmek tad-drenaġġ li hemm f'dan il-wied pittoresk. L-omerta' pero' hija nkredibbli. Donnu kulħadd jibża jiftaħ ħalqu li ma jmorrux jagħtuh xi transfere jew biża' "li lit-tifla ma jdaħħluhielix mal-gvern". Din il-ġimgha John Mizzi
minn Ta' Sannat ċempilli u qalli bil-'complaints' li qed jaslulu minn turisti li jgħażlu li jiġu Għawdex għall-mixjiet qalb il-kampanja. Ovvjament dawn l-ilmenti huma dwar id-drenaġġ ħiereġ mill-wied u li jibqa' nieżel fil-baħar. Interessanti li meta ghedtlu biex jiġi biex jieħu sehem f'konferenza stampa, dan qalli li ma jridx "li ma jmorrux il-kaċċaturi jagħmlu għalija meta nkun waħdi bit-turisti f'dawn l-inħawi". Tassew għedt li huma ħafna li għadhom iħarsu l-interessi tal-but milli tal-pajjiż!





Illum għidt li l-aħjar hu li nagħmel dmiri bħala cittadin li dejjem ħallast it-taxxi u għalhekk ktibt lill-Pollution Section tal-MEPA. Hekk l-aħjar li wieħed jagħmel: imur f'ras il-għajn mill-ewwel.


Ma taqbilx?



U ktibtilhom hekk:


Sinjur/a,

Nixtieq inressaq l-ilment tiegħi formalment bħala resident mill-Għarb, bħala tax-payer u bħala individwu li għandi r-raba' fl-inhawi ta' Wied il-Mielaħ.


Ta' sikwit nisimghu fuq il-mezzi ta' l-istampa ftaħir dwar fondi kbar li ntefqu mill-Fondi Strutturali
Ewropej (2004-06) u fondi oħra li akkwista l-Kunsill Lokali ta' l-Għarb sabiex jiġi riabilitat Wied il-Mielah fl-Gharb (Restauration and Management of Strom Water Project).

Minkejja dan kollu ir-riħa ta' drenaġġ taqsmek għadha persistenti sal ġurnata mqaddsa tal-lum. Barra minnhekk, issa li beda l-istaġun tax-xita, il-ħama u d-drenaġġ huwa evidenti għaddej mill-wied u jibqa nieżel fil-bahar.


Tista' tikkonfermali jekk:

1) hemmx sezzjoni fil-MEPA li tiehu hsieb li dawn l-irwejjaħ mid-denaġġ għaddej fl-apert jieqaf minnufih;


2) Jekk huwiex normali li d-drenaġġ jitħalla jibqa' ħiereġ mill-wied u jibqa' sejjer fil-baħar;

3) Jekk 'flow' ta' drenaġġ hekk fl-apert jagħmilx sens mall-kunċett li qed jadotta l-Gvern Nazzjonalista f'dak li qed isejjah bħala Eko-Għawdex;

4) X'pass qiegħdi
n jittieħdu jew ser jittieħdu sabiex l-ilment tiegħi jasal f'ras il-għajn u jissewwew dawn il-ħsarat ambjentali u l-'health and safety hazards' li jaffaċċjaw nies bħali li jgħaddu minn dan il-wied. Dan minbarra dawk it-turisti li jgħażlu li jiġu jżuru 'l Għawdex tagħna għall-mixjiet qalb il-kampanja u japprezzaw il-wirt naturali tagħna. Żgur li ma jista' qatt ikun li japprezzaw d-drenaġġ f'wiċċ il-wied u l-intejjen ta' rwejjaħ li dan iġib miegħu.

Mehmuz ma' din l-email qed nibaghtlek ritratti (4 b'kollox f'din l-email) li ħadt illum stess it-3 t'Ottubru 2008. F'e-mail separata ser nibagħtlek ukoll filmat tas-sitwazzjoni li sfortunatament ma tidhirx fuq il-mezzi ta' l-istampa lokali.

Sabiex l-ispetturi jsibu l-post eżatt ta' l-overflow, bizzejjed li jsibu l-irħama kommemorattiva (mehmuża fl-email) tal-
H.E. Danuta Hubner, Kumississarju ta' l-EU, peress li l-agħar parti tad-drenaġġ jinstab eżattament quddiem l-eċċellenza tagħha.

Noffri s-servizzi volontarji tiegħi biex jekk trid, meta l-ispetturi jiġu jispezzjonaw dawn l-inħawi jistgħu iċempluli u jien stess nurihom fejn eżatt jinstab dan id-diżastru ambjentali.

B'hekk żgur ħadd ma jkun jista' jgħid li 'ġie u ma ra jew xamm xejn'.


Grazzi u nitolbok iżżommni infurmat.

Victor Galea

130, Triq il-Knisja Għarb, Għawdex.
Mob: 79017017

Hawn dan il-video rated AO - arah jekk trid: