Monday, 1 September 2008

Tal-Kabozza

Is-Sibt li għadda, il-'banda' tiegħi konna mistiedna mmorru l-festa tal-Manikata (Mellieħa). Tal-Kabozza jisimha l-banda tagħna.

Issa ħej....jekk ma tafx xi tfisser kabozza fittex daqsxejn fid-dizzjunarju t'Aquilina. Dak il-Profs. Għawdxi wkoll kien. Jew inkella agħfas HAWN u tara mara liebsa l-għonnella u r-raġel liebes il-kabozza. Hekkhu, il-kabozza l-aħħar li baqgħet tintlibes kien fl-Għarb sa' ftit snin wara l-aħħar Gwerra. F'kull dar kont issib kabozza. Niftakar li ommi alla jaħfrilha kienet fetqitha biex għamlitha kutra.

Mhux la kemm tiftiehem ma' tal-Kabozza sabiex jitilgħu jdoqqu Malta. Għalihom battikata. Iżda agħar minn hekk hu meta wieħed l-ewwel jgħidlek "iwa niġi żgur" u mbagħad ma tarahx b'nemes. Jew inkella jgħamillek bħal Ġorġ ix-Xemx....iċempilli fl-aħħar minuta biex jgħidli li mhux ser jiġi jdoqq iċ-ċuqlajta.

Imma inġbarna. Ġie Żeppi ta' Kurun bit-tamburlin, Leli t-Tullu u Toni bil-kitarra, jien bl-argunett ta' l-idejn u ġie magħna Stephan, vjolinista prima. Stephan kellu wkoll rabbaba. Dik faċli ddoqqha basta jkollok ritmu tajjeb tal-mużika u l-muskoli ta' jdejk tajbin. Ittamajt li jdoqqha Marju Cardona.

Marju huwa l-organizzatur ta' din il-festa li ssir ta' kull sena fil-villaġġ rurali tal-Manikata. Nafu lil xulxin mhux ħażin jien u Mario.

L-ewwel li ltqajna fil-Manikata kien xi 4 snin ilu meta Gonzi ħolom li jbiddel l-inħawi uniċi tal-Manikata, sewwa sew ix-Xagħra l-Ħamra f'Korsa tal-Golf! Dak inhar ipprotestajna flimkien. (ara HAWN).


Iltqajna drabi oħra fil-Manikata fi żmien dik il-burraxka. Darba minnhom laqqajt lill-Marju u xi bdiewa ma' MEP Ġermaniż tal-Greens u dan kien qajjem il-kwistjoni fil-parlament Ewropew (ara HAWN).

Għamilna it-tieni protesta u wara Gonzi kellu jirtira l-idea tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra anke minħabba l-pressjoni iebsa mill-EU. Fraħna flimkien (Ara Hawn). Niftakar dak inhar għidt lil Marju: "Issa l-bdiewa tal-Manikata jistgħu jserrħu rashom; jien ħa nibda l-battalja tar-Ramla l-Ħamra!"

U hekk kien għax jumejn wara, f'xemx taqli l-ankri spiċċajna nipprotestaw fuq ir-ramel jikwi tar-Ramla l-Ħamra (ara HAWN), waqt li t-turisti għaddejjin minn ħdejna bil-bikini.

Iżda is-sibt li għadda l-atmosfera kienet ferm differenti ġewwa l-Manikata.

Fit-triq ma' ġenb il-Knisja ta' England, ġew esebiti l-prodotti ġenwini tal-bdiewa. Ir-ritratti fil-blogg jixhdu l-imħabba, l-impenn u d-dedikazzjoni ġenwina tal-produtturi u ta' l-organizzaturi. Ifluhom sew.

Fit-triq intrama' palkett żgħir fejn tfal u żgħażagh tal-lokal kantaw, żifnu u ppreżentaw reċta.

Fl-aħħar kien imiss lil tal-Kabozza indoqqu daqxejn. Marju sabli wiehed mill-Isla biex idoqq ir-rabbaba. Kien tajjeb, iżda idu għejjiet wara ftit.

Dak il-ħin għajjat minn fuq il-microphone lil Marju sabiex iġibilna l-fuel. Marju fhemni mill-ewwel. Ftit sekondi wara ġie b'sitt fliexken tal-birra. Għajnejn it-Tullu qabżu 'l barra.

Daqqejna żewġt daqqiet oħra u Marju reħa jdejh mal-qazba tar-rabbaba. Imdorri jidher il-man!

Ridna nilħqu l-vapur tal-ħdax.

Xtaqt nibqa naqra oħra. Kien hemm pjaċir.

Qabel nitlaq...agħtu titwila lil din il-link dwar progett interessanti ferm fil-Manikata.

4 comments:

Anonymous said...

Sibtu ferm interessanti dan it-taghrif dwar il-Manikata. Il-Progett tal-Manikata jisthoqqlu kull appogg. Nemmen li bosta kunsilli tal-iskejjel, kunsilli lokali u ghaqdiet ohra, jistghu ukoll jghinu f'dan il-progett billi jorganizzaw hargiiet kulturali u edukattivi; nahseb li jista jsir ukoll xi fund raising.
Hemm hafna possibiltajiet ta'kif wiehed jista'jghin f'dan il-progett li zgur se jaghti spinta lid-drawwiet u snajja li illum il-gurnata m'ghadekx tisma'bihom, kif ukoll jghin biex ikun hawn aktar produtti maghmulin mill-bidu sat-tmiem lokalment.

Anonymous said...

U bil-haqq ma ghidtilniex x'inhi rabbaba jew urejtna xi stampa jew ritratt taghha!

Anonymous said...

Imma ara x'rnexxieli nsib fuq l-internet fuq ir-rabbaba:
"The Tanboor or Rababba is most used by all Al-Beja tribes from Eritrea(Beni-Amer,Hadareeb,Nara), Sudan (Hadandawa,Halangi,Bisharin,Amarar,Ashraf,Artega) to Egypt(Ababda and Bisharin).
Allura dan xi tip ta'tambur Vic?

Anonymous said...

Ir-ritratti f'dan il-blogg verament jaghtu xhieda ta' festa Maltija f'lejla sajfija kif jixraq lil Manikata. Prosit specjali lil bdiewa li pproducew dawn il-prodotti friski u genwini b'tant sagrificcji. Prosit lil tal-kabozza li zejnu din il-festa bid-daqq tal-hsejjes tradizzjonali Maltin ... Din il-blogg gaghlitni niftakar meta ftit zmien ilu l-gharus kien jiehu l-gharusa ghal Imnarja bhala l-ewwel harga taghhom ... Nawgura lil kooperattiva ta' dan it-taghlim siewi li kemm ahna l-kbar kif ukoll it-tfal taghna ghandna hafna x'nitghallmu !!!