Friday 3 October 2008

Id-Drenaġġ f'Għawdex

L-aħħar li ktibt fil-blogg huwa dwar 'Salty Valley' jew aħjar Wied il-Mielaħ (ara HAWN).

Semmejt l-irwejjaħ tad-drenaġġ li wieħed ixomm waqt li jasal qrib it-Tieqa Naturali ta' Wied il-Mieħal.

Min ma marx f'Wied il-Mielaħ?

Gonzi mar u ħa ritratti sbieħ jiltaqa' mall-press ftit qabel l-elezzjoni tal-Kunsill lokali ta' l-Għarb. (ara ritratt)

Anke lill-Fenech Adami ħaduh hemm. Saħansitra Peppi ta' Xarabank mar hemm jieħu l-filmati bħala eżempju ta' kemm morna tajjeb mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropeja.




Govanna marret kemm-il darba u wkoll jidher li ġibdulha ftit ritratti mhux ħażin.

Ġibdulha ritratt mas-Sindku u ma' l-eċċellenza tagħha Danuta Hubner, Kumississarju ta' l-EU. (araw it-ritratti bit-tieqa ta' Wied il-Mielaħ fil-background).



Iżda l-akbar ċerimonja saret kien meta ġiet f'Wied il-Mielaħ l-Eċċ. Tagħha Danuta Hubner. Jidher li dak inhar kien il-bnazzi u allura drenaġġ inixxi ma kienx hemm fil-Wied. Dak inhar niżlu xi nies mill-Għarb lebsin l-għonnella bħala parti miċ-ċerimonja (li ma tantx aħna neqsin minnhom) taż-żjara tal-Kummissarju Ewropew li qaltilna ma nafx kemm il-elf Euro ser tagħtina sabiex Wied il-Mielaħ jiġi riabilitat (ara r-ritratt). Kien hemm Ġorġ ix-Xemx u anke Peppi l-Munsuħa mar idoqq l-argunett ta' l-idejn. In-nies ta' l-Għarb ittamajna li r-riħa tad-drenaġġ mill-wied għal ġol baħar forsi ser tieqaf darba għal dejjem. Kemm morna żmerċ!




Imma l-isbaħ ritratt huwa tal-Kummissarju Ewropew tipponta jdejha lejn irħama kommemorattiva li għadha mwaħħla fil-post sal-ġurnata tal-lum. Mhux faċli taraha. Imma jekk tħares lejn il-wied u tibda tara d-drenaġġ inixxi fit-triq tal-wied....propju hemmhekk issib l-irħama kommemorattiva ta' l-Eċċellenza tagħha.




Ilni nitkellem ma' nies mir-raħal dwar jekk bħali iddejjaqhomx ir-riħa taqsmek tad-drenaġġ li hemm f'dan il-wied pittoresk. L-omerta' pero' hija nkredibbli. Donnu kulħadd jibża jiftaħ ħalqu li ma jmorrux jagħtuh xi transfere jew biża' "li lit-tifla ma jdaħħluhielix mal-gvern". Din il-ġimgha John Mizzi
minn Ta' Sannat ċempilli u qalli bil-'complaints' li qed jaslulu minn turisti li jgħażlu li jiġu Għawdex għall-mixjiet qalb il-kampanja. Ovvjament dawn l-ilmenti huma dwar id-drenaġġ ħiereġ mill-wied u li jibqa' nieżel fil-baħar. Interessanti li meta ghedtlu biex jiġi biex jieħu sehem f'konferenza stampa, dan qalli li ma jridx "li ma jmorrux il-kaċċaturi jagħmlu għalija meta nkun waħdi bit-turisti f'dawn l-inħawi". Tassew għedt li huma ħafna li għadhom iħarsu l-interessi tal-but milli tal-pajjiż!





Illum għidt li l-aħjar hu li nagħmel dmiri bħala cittadin li dejjem ħallast it-taxxi u għalhekk ktibt lill-Pollution Section tal-MEPA. Hekk l-aħjar li wieħed jagħmel: imur f'ras il-għajn mill-ewwel.


Ma taqbilx?



U ktibtilhom hekk:


Sinjur/a,

Nixtieq inressaq l-ilment tiegħi formalment bħala resident mill-Għarb, bħala tax-payer u bħala individwu li għandi r-raba' fl-inhawi ta' Wied il-Mielaħ.


Ta' sikwit nisimghu fuq il-mezzi ta' l-istampa ftaħir dwar fondi kbar li ntefqu mill-Fondi Strutturali
Ewropej (2004-06) u fondi oħra li akkwista l-Kunsill Lokali ta' l-Għarb sabiex jiġi riabilitat Wied il-Mielah fl-Gharb (Restauration and Management of Strom Water Project).

Minkejja dan kollu ir-riħa ta' drenaġġ taqsmek għadha persistenti sal ġurnata mqaddsa tal-lum. Barra minnhekk, issa li beda l-istaġun tax-xita, il-ħama u d-drenaġġ huwa evidenti għaddej mill-wied u jibqa nieżel fil-bahar.


Tista' tikkonfermali jekk:

1) hemmx sezzjoni fil-MEPA li tiehu hsieb li dawn l-irwejjaħ mid-denaġġ għaddej fl-apert jieqaf minnufih;


2) Jekk huwiex normali li d-drenaġġ jitħalla jibqa' ħiereġ mill-wied u jibqa' sejjer fil-baħar;

3) Jekk 'flow' ta' drenaġġ hekk fl-apert jagħmilx sens mall-kunċett li qed jadotta l-Gvern Nazzjonalista f'dak li qed isejjah bħala Eko-Għawdex;

4) X'pass qiegħdi
n jittieħdu jew ser jittieħdu sabiex l-ilment tiegħi jasal f'ras il-għajn u jissewwew dawn il-ħsarat ambjentali u l-'health and safety hazards' li jaffaċċjaw nies bħali li jgħaddu minn dan il-wied. Dan minbarra dawk it-turisti li jgħażlu li jiġu jżuru 'l Għawdex tagħna għall-mixjiet qalb il-kampanja u japprezzaw il-wirt naturali tagħna. Żgur li ma jista' qatt ikun li japprezzaw d-drenaġġ f'wiċċ il-wied u l-intejjen ta' rwejjaħ li dan iġib miegħu.

Mehmuz ma' din l-email qed nibaghtlek ritratti (4 b'kollox f'din l-email) li ħadt illum stess it-3 t'Ottubru 2008. F'e-mail separata ser nibagħtlek ukoll filmat tas-sitwazzjoni li sfortunatament ma tidhirx fuq il-mezzi ta' l-istampa lokali.

Sabiex l-ispetturi jsibu l-post eżatt ta' l-overflow, bizzejjed li jsibu l-irħama kommemorattiva (mehmuża fl-email) tal-
H.E. Danuta Hubner, Kumississarju ta' l-EU, peress li l-agħar parti tad-drenaġġ jinstab eżattament quddiem l-eċċellenza tagħha.

Noffri s-servizzi volontarji tiegħi biex jekk trid, meta l-ispetturi jiġu jispezzjonaw dawn l-inħawi jistgħu iċempluli u jien stess nurihom fejn eżatt jinstab dan id-diżastru ambjentali.

B'hekk żgur ħadd ma jkun jista' jgħid li 'ġie u ma ra jew xamm xejn'.


Grazzi u nitolbok iżżommni infurmat.

Victor Galea

130, Triq il-Knisja Għarb, Għawdex.
Mob: 79017017

Hawn dan il-video rated AO - arah jekk trid:


6 comments:

Anonymous said...

veru tajba din dan il post kif sabitu Govanna, hemm isfel hadd ma jinzel hlief xe gremxula Jaqq

Anonymous said...

Urgenti li tittiehed azzjoni immedjata qabel ma jkun tard ha nsalvaw u ngawdu s-sbuhija ta' dan il-wied pittoresk!

Anonymous said...

Hi to all that love Gozo See and Read this bolgspot it is a bit worrying about our health not only that, that Victor forgot to mention that there are rumors that people blocking the drains to take the drainage to water the crops that they sell to the pitkalija and even if you will walk along the valley were there are other branches you will see reservoirs that people made to collect the drains for that same use.

Anonymous said...

Din veru skandlu meta konna ilna nistennew li fl'ahhar tisbieh din il wied pitoreska. Nigi nittawal ...u ngib maktur biex naghti halqi kontra il microbi li hemm x'disastru taparsi "Eco" xihaga eco-xejn ~ GOOD WORK AD GOZO! Keep plugging Vic

Anonymous said...

It-ten % tal budget qieghed ghall Ghawdex? Fhisx u fejn qed jintefqu l-flus f'Ghawdex? ghandna budget ghall hafna affarijiet. Ghandna budget specifiku ghall problemi ta Ghawdex?

Anonymous said...

Bhala resident mill-Gharb inhossni vera urtat b'certa kliem li uzajt fit-text. Biex nuru l-punt taghna ma hemmx ghalfejn naqghu baxx daqshekk, u nwaqqghu lilna u lil ta madwarna ghac-cajt. Darba ohra jekk joghgbok ghaddi l kummenti tieghek minghajr ma tuza kliem li jbaxxik