Saturday 20 September 2008

Festa tal-qara aħmar fil-Manikata

Illum Marju bgħatli SMS u qalli li ser jagħmlu festa tal-qara aħmar. X'aktarx il-Ħadd 2 ta' Novembru. Staqsieni jekk tal-Kabozza nitħajjrux immorru ndoqqu.
Ftit ġimgħat ilu konna morna għall-festa ta' dan l-uniku raħal rurali li fadal f'Malta.(ara HAWN)

M'ilux, tiftakru lki ktibt biċċa bit-djalett tal-Għarb (ara HAWN). Issa Marju bgħatli poeżija bid-djalett ta' Ħal-Qurmi. Għax insejt ngħdilkom, propjament Marju minn Ħal Qormi....u mar jgħix il-Manikata. Aqrawha daqsxejn, Tassew taqbel ma' daż-żmien tas-sena meta l-ġimgħa d-dieħla jidħlu ġartita tfal ġodda fl-iskejjel madwar malta u Għawdex. Imsieken.


Ma bkejtx fl-ewwel jum ta' l-iskola!

Ġbartuna minn ġa l-imqujol u minn qalb l-għelieqi
Bħal ilma li jaqgħad u jdur f’sink tal-kċina sa ma jinxturob f’serpentina sewda
U nblajna f’bini stramb dunnu l-isptur fejn ummi welldet ’l oħti ftit xhur ilu,
riħa ta’ ħalib, żejt tal-ħuta, gumom friski, lanċinmit u purfum.
Hawn ix-xemx ma tfaqqux iktar fuq rusna imma tidħol bess minn tieqa għolja biż-żebgħa mqaxxra
Minn wara purtieri qudma mdendla ma’ virga ħuxna u sewda tal-ħadid.

U kellimtuna bi lsien stramb.

Dur surot dar, ummi surot mummy u Ħal Qurmi sur Qormi.
U libbistuna ingravuta, differenti minn dik li darba libes missieri meta tellgħewh xhud il-qurti.
Dik il-lasktuwwa rqieqa u bajda li kellha fit-tarf tagħha
kienet agħar mill-ħannieqa ħamra u ħuxna tal-megħeż.

U libbistuna enifurmi li weqqgħet il-kultura tagħkem għaż-żufjett
u biddlet lilna f’maskaruti bujod u blu,
dunna ħabsin minn dawk li naraw fil-films tal-mikimaws.

B’libsa pulita aħna kunna nifhmu tibdila sura,
bħal ma jilbes in-nannu meta jmur jura ‘l San Bastjun ħiereġ mill-knisja.

U flok ħobż biż-żejt u t-tadum għall-fresk tal-bitħa ħdejn il-lumija,
kilna ħobż bil-butir f’bitħa fejn mijiet ta’ tful kienu qed jiġru ‘l hawn u ‘l hemm
qishem żnażan iduru ma’ rus ta’ bużbieża.

Imma niftakar sew. Sħubi bkew f’duk l-ewwel jum.
Jien ma bkejtx.

Malli ħreġt mis-serpentina u sebt ruħi f’dik il-kamra biswit il-lukijiet fit-tarf tal-kurutur
Sammart għajnejja fuq il-blekbord, qabbadt difrejja ġal-gumma friska sa ma kwużi ħreġt id-demm,

u ma bkejtx.

U meta rġajt lura d-dur,
irrakkuntajt ’l ummi bl-istess ton li bih kont inqerr għand Dun Viċens,
li jien bess f’nofs il-klassi ma xerredt l-ebda damgħa.

U llum nikxef snieni, jew li baqagħli minnhem, fi tbissima,
X’ħin niftakar li wara għexieren ta’ snin niġri minn skula għal oħra,
b’żarbun riħa ta’ ħamrija mxarrba u ta’ demel tal-megħeż,

Għodni kapuċi nħuros lejn il-blekbord mingħajr ma mmejjel rusi, b’għajnejja fissi fuqu,

U ma nibkix.

Ma nibkix...
...ħlief meta niftakar f’dawk li l-iskula serviet bess biex ittimbruthom ħmir
u tuthom passaport li fuqu hemm miktub:

l-imrieħel u l-għelieqi tagħkem huma bess għall-injuranti.
Aħna rfajnik nofs xiber mill-art u qed intuk permess tmur tiffunda taħt saqaf tal-pjanċi,
għad-dawl tat-tubi u r-riħa taż-żjut u n-najlon,
taħt tieqa għoja biż-żebgħa mqaxxra.
Biex idderri tista’ tiskappa ftit sat-tojlit tgerrem biċċa ħobż,
U hemm toqgħod toħlom bl-imrieħel li darba,
ta’ Ċanu, ta’ Massu u r-Roy,
kienu jirgħew taħt il-ħarrub u ċ-ċawsli
ħdejn Għor Ħanżir, fil-Ħandaq.

Marju Cardona

1 comment:

Anonymous said...

Ghogbitni il-poezija ta'Marju. Id-djalett ta'Hal Qormi jixbah lil dak karkariz.
Vitor hija xwejha ghamja li jien sikwiet inkellimha meta nghaddi minn fuq il-pont ta' Birkirkara ghax hemm toqghod hi. Fi zmienha kienet ghannejja prima, kienet tkanta ma Frans il-Bloqq qaltli u erhila tqabbilli xi taqbila. Xi mument meta jkolli cans irrid immur sa fejnha biex nikteb dawn it-tabiliet helwin. Bhalissa ma niftakarx wahda ghax kieku zgur li niktibha f'dal blogg imma ghandi din it- taqbila li kienet tghidli n-nanna Mari meta kont zghira:
Granc mill-bahar ir-ramla tala
Ghall xi dudu minn tal-art,
Ra gej kelb zaqqu ma daru
qal minn dan ma naqtax l-ghatx,
Malli sema n-nejba tfaqqa qal jien haqqni mmumt b'dal mard
La jien granc maghmul ghal bahar jiena x'ridtha dina l-art!